Storja ta’ 14 il-Kappillan fil-Qala

Storja ta’ 14 il-Kappillan fil-Qala

Fl-okkażjoni tal-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Dun Injazju Borg bħala Arċipriet tal-parroċċa tal-Qala, qed nwasslulkom artiklu storiku dwar il-kappillani kollha li kellha l-parroċċa tagħna sa mit-twaqqif tagħha.

Qala_Church

Dun Salv Grima minn Għajnsielem kien l-ewwel kappillan fl-1872 u li miet fil-parroċċa bħala kappillan f’eta’ ta’ 40 sena fil-5 ta’ Novembru fl-1880. Dun Ġużepp Diacono mir-Rabat kien it-tieni kappillan fl-1881 u dam għaxar snin sas-27 t’Awwissu tal-1891. Dun Ġwann Saliba mill-Katidral kien it-tielet kappillan mit-8 ta’ Novembru 1891 u miet bħala kappillan fil-parroċċa fit-22 ta’ Jannar 1896. Dun Mikiel Anġ Cauchi mir-Rabat kien ir-raba kappillan fejn ħa l-pussess fit-22 ta’ Ġunju fl-1919 u dam sas-6 ta’ Novembru tal-1920. Dun Ġużepp Cassar mir-Rabat li kien il-ħames kappillan. Huwa ħa l-pussess fit-12 ta’ Diċembru fl-1920 u dam sal-14 ta’ Mejju tal-1926. Dun Ġużepp Cassar minn ta’ Sannat li kien is-sitt kappillan. Ħa l-pussess fis-27 ta’ Ġunju tal-1926 u dam kappillan seba’ xhur biss, sat-8 ta’ Frar 1927. Dun Ġużepp Vella  is-seba kappillan (u l-ewwel kappillan mill-Qala), ħa l-pussess fl-24 t’April tal-1927 u miet bħala kappillan fl-1955. Dun Manwel Xerri mill-Qala kien it-tmien kappillan. Ħa l-pussess fis-16 ta’ Ottubru tal-1955 u miet bħala kappillan fit-12 ta’ Diċembru 1964.  Il-Kan. Dun Karm Vella mill-Għarb kien d-disa kappillan u sar l-ewwel wieħed bit-titlu ta’ Arċipriet meta l-Parroċċa saret Arċipretali fil-21 t’April 1965. Huwa ħa l-pussess fis-7 ta’ Marzu 1965 u miet bħala Arcipriet fil-11 ta’ Marzu tal-1969. Dun Ġużepp Borg Attard mill-Fontana kien it-Tieni Arċipriet u l-għaxar kappillan. Huwa ħa l-pussess fit-8 ta’ Ġunju tal-1969 u dam sal-1983.

Mons. Anton Sultana mill-Qala sar it-tielet Arċipriet u l-ħdax il-kappillan fit-22 ta’ Mejju tal-1983 u dam sad-29 ta’ Settembru 1991. Mons. Karm Refalo mix-Xagħra, ir-raba Arċipriet u t-tnax il-kappillan, ħa l-pussess fis-17 ta’ Novembru tal-1991 u dam Arċipriet tal-Parroċċa sat-18 ta’ Jannar tal-2005. Il-Kan. Joe Zammit mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, huwa l-ħames Arċipriet tal-Qala u t-tlettax il-kappillan. Huwa ħa l-pussess tal-Parroċċa fl-1 ta’ Mejju tal-2005 u dam sal-20 ta’ Frar tal-2014.  Dun Nazju Borg mix-Xagħra  qed jieħu l-pussess ta’ din il-parroċċa tagħna ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni u lir-Raġel Kastissimu tagħha San Ġużepp nhar il-15 ta’ Novembru tal-2014. Huwa s-sitt Arċipriet u l-14 il-kappillan li rat l-istorja tal-Parroċċa tagħna.