Nota dwar il-Festa tal-Patrun tagħna San Ġużepp għal din is-sena 2020
Kulħadd hu konxju tat-taqliba li ġabet magħha din l-pandemija f’kull aspett tal-ħajja, mhux biss dak ekonomiku u soċjali, iżda wkoll fil-ħajja nisranija. Għalhekk iridu namettu li f’dawn iċ-ċirkustanzi u f’din is-sitwazzjoni preżenti mhux qed ngħixu fi żmien normali. Hu fatt li din is-sitwazzjoni ma tgħinx biex ikun hawn ambjent ta’ festa bħas-soltu, allura iridu nadattaw ruħna biex nagħmlu festa f’din is-sitwazzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu rridu nġibu preżenti f’moħħna dawn ħwejjeġ:
1. Il-festa ta’ din is-sena, aktar minn ta’ snin ta’ qabel, hi ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament lil Alla. Hi ħaġa xierqa li filwaqt li niftakru fl-eżempji sbieħ tal-Patrun tagħna San Ġuzepp, nirringrazzjawh għall-interċessjoni tiegħu f’dan iż-żmien tal-pandemija u nitolbuh biex jieħu ħsiebna għal li ġej. Għalhekk aktar milli purċissjoni hu pellegrinaġġ ta’ talb.
2. Fil-festa ta’ din is-sena rridu nġibu quddiem għajnejna l-aktar nies vulnerabbli li jinsabu madwarna. Vulnerabbli mhux biss il-morda u l-anzjani iżda dawk il-familji li jinsabu f’qagħda finanzjarja diffiċli minħabba diversi raġunijiet. B’dan il-ħsieb f’moħħna il-festa ta’ din is-sena trid tkun wirja mhux tan-nar, ta’ armar u ta’ marċijiet iżda ta’ għajnuna u solidarjetà lejn dawk ħutna li jinsabu fil-bżonn. Din is-solidarjetà ser nuruha permezz ta’ żewġ inizjattivi:
• Fil-ġimgħa tal-festa ser niġbru preserves u affarijiet tal-ikel biex ngħadduhom lill-familji fil-bżonn li m’humiex ftit.
• Peress li fir-Randan konna waqafna milli niġbru l-Qalb tal-Karità, tul il-jiem tal-festa ser inkomplu niġbru għall-missjoni tal-Isqof Mons. Giovann Cefai fil-Peru.
3. Għalhekk, kemm minħabba l-pandemija li għadha fostna kif ukoll b’solidarjetà u rispett lejn dawn il-persuni vulnerabbli, il-kulleġġ tal-kappillani ta’ Malta u Għawdex iddeċidew li l-festa ta’ din is-sena tkun ridotta.
4. Tafu intom li biex nagħmlu festa l-ispejjeż huma kbar. Id-deċiżjoni tal-kappillani quddiem is-sitwazzjoni tal-pandemija kienet li ma jsirx ġbir bieb bieb bħas-soltu iżda ser ikun hemm kaxxa fil-knisja biex min irid jagħmel l-offerta tiegħu. L-offerta jista’ wieħed jgħaddiha lil xi saċerdot. Dan sar ukoll b’sens ta’ solidarjetà ma’ dawk il-persuni vulnerabbli.
Maħruġa mill-Uffiċċju Parrokjali Qala, l-Erbgħa, 1 ta’ Lulju 2020.
Għan-nota rigward il-Logħob tan-Nar tal-Festa 2020, agħfas hawn.