Nota #2: Festa San Ġużepp 2020

Nota #2: Festa San Ġużepp 2020

Fi ftit jiem oħra nagħtu bidu għall-festa li ta’ kull sena niċċelebraw lill-Patrun tagħna San Ġużepp. Din is-sena ser tkun waħda differenti mis-soltu. Kellna f’moħħna li nagħmlu festa akbar mis-soltu peress li din is-sena qed niċċelebraw il-150 sena minn meta l-Papa Piju IX ipproklamah bħala l-protettur tal-Knisja. Iżda kif jgħidu, il-bniedem jipproponi iżda Alla Hu li jiddisponi.

Il-programm tal-festa ta’ din is-sena hu wieħed magħmul minn Alla u ħadd ma jħobbna u jridilna daqshekk ġid daqs Alla, anki jekk il-ħaġa ma tiftihemx, xorta waħda jħobbna. Il-festa ta’ din is-sena ser ikollha aktar bixra spiritwali u ser tkun mibnija fuq tlett ħwejjeġ:

•    Is-smigħ tal-Kelma t’Alla – Għalhekk xieraq li nattendu għall-jiem tan-novena u tat-tridu. U nieħdu sehem fil-quddiesa mhux tant permezz tar-radju jew il-live streaming iżda billi nattendu fil-knisja bħala komunità devota li tħobb tassew lil San Ġużepp.

•    Inkunu ġenerużi fiż-żewġ atti ta’ karità li ser nwettqu fil-jiem tal-festa – Kemm tal-oġġetti ta’ ikel u preserves li ser ngħaddu lil dawk il-familji fil-bżonn u kif ukoll permezz tal-offerti tagħna biex insostnu l-missjoni tal-Isqof Cefai fil-Peru.

•    Billi nattendu u nieħdu sehem fil-pellegrinaġġ li ser nagħmlu nhar il-festa bl-istatwa tal-Patrun tagħna San Ġużepp u bix-xbieha tal-Madonna tas-Saħħa. Dan il-pellegrinaġġ ser isib il-qofol tiegħu fil-pjazza fejn ser issir ċelebrazzjoni li fiha ser nagħmlu talba ħerqana lil San Ġużepp u lill-Madonna tas-Saħħa biex teħlisna minn din il-pandemija. Din iċ-ċelebrazzjoni tintemm bil-Barka Sagramentali fuq iz-zuntier.  


Maħruġa mill-Uffiċċju Parrokjali Qala, l-Ħamis, 9 ta’ Lulju 2020.