Kunċert ta’ Fr Rob Galea għat-30 anniversarju ta’ RLQ

Kunċert ta’ Fr Rob Galea għat-30 anniversarju ta’ RLQ

Radju Leħen il-Qala fakkar it-30 anniversarju tiegħu bħala l-ewwel stazzjon komunitarju f’Għawdex b’kunċert fil-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja Arċipretali mis-saċerdot u kantawtur Malti Fr Rob Galea.

Dan sar ilbieraħ il-Ħadd 26 ta’ Lulju.

Fr Rob huwa kantawtur, kompożitur, u kelliem ta’ fama internazzjonali magħruf għad-diversi kanzunetti ta’ ispirazzjoni Nisranija li bihom hu jdur jevanġelizza fl-erba’ rkejjen tal-globu.

Il-kunċert ta’ tliet sigħat fetaħ b’wirja mużikali ta’ kanzunetti Kristjani mill-artista Għawdxija Jolene Samhan, li ħadet sehem fil-festival Mużika Mużika ta’ din is-sena bid-diska ‘Fuq Ponot Subgħajja”. Fost l-oħrajn hija kantat verżjoni Maltija tad-diska popolari ‘Oceans’ maħruġa minn Hillsong UNITED.

Wara siegħa u nofs mill-bidu tas-serata, l-udjenza laqgħet lil Fr Rob, li kien għadu kif rikeb is-97 titjira tiegħu minn Jannar ‘l hawn biex minn Bangkok wasal il-Qala.

Bil-mużika tiegħu Fr Rob laħaq miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Il-kanzunetti tiegħu huma xhieda ta’ tama, ta’ fidi, u ta’ mħabba, u l-messaġġ tiegħu jmiss il-qlub ta’ ħafna żgħażagħ u familji.

Fost kanzunetti li kanta fis-serata kien hemm ‘Only by Grace’, ‘Dominoes’, ‘Higher than the Clouds’, ‘Mulej f’Idejk’, kif ukoll ‘Holy Forever’, diska ta’ Chris Tomlin.

Wieħed jista’ jisma’ d-diski ta’ Fr Rob fuq il-YouTube channel tiegħu hawnhekk, kif ukoll isegwi u jkun parti mix-xogħol ta’ Icon Ministry hawnhekk.

Segwi hawnhekk il-podcast ‘Outside the Chapel’ li hu parti minnu Fr Rob Galea.

Erġa’ ara l-kunċert:

Wieħed jista’ jerġa’ jara l-kunċert fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Radju Leħen il-Qala jew fuq il-YouTube channel ta’ Radju Leħen il-Qala:

Radju Leħen il-Qala – 30 sena ta’ storja, servizz, u volontarjat

Din is-sena, il-komunità tal-Qala qed tiċċelebra anniversarju mill-isbaħ.

Radju Leħen il-Qala qed jagħlaq 30 sena mill-ewwel xandira uffiċjali tiegħu. Din il-kisba mhijiex biss tragward għall-istazzjon innifsu, iżda hija xhieda ħajja ta’ xi jfisser l-impenn komunitarju u l-imħabba lejn ir-raħal. Matul dawn it-tliet deċennji, ir-radju daħal fi djar dawk kollha li jħobbu l-Qala, kemm f’Għawdex, f’Malta, kif ukoll lil hinn minn xtutna.

Meta nħarsu lura lejn il-bidu nett, l-istorja ta’ dan l-istazzjon hija waħda affaxxinanti. Radju Leħen il-Qala għandu l-unur u l-prestiġju li jkun l-ewwel stazzjon komunitarju f’Għawdex li kiseb liċenzja permanenti mill-Awtorità tax-Xandir. Dan kien pass ġgantesk li poġġa lil dan l-istazzjon fuq l-mappa tal-mezzi ta’ komunikazzjoni lokali.

Kollox beda b’mod umli ħafna – minn kamra żgħira u sempliċi li tinsab fuq is-sagristija tal-Knisja Arċipretali tal-Qala. Kien hemmhekk li nżergħet iż-żerriegħa ta’ proġett li kellu jikber u jiffjorixxi sena wara l-oħra.

Matul is-snin, grazzi għal viżjoni ċara u determinazzjoni kbira, l-istazzjon għadda minn trasformazzjoni sħiħa.

Dik il-kamra żgħira tal-bidu nbidlet fi studjows moderni, mgħammra bl-aqwa teknoloġija li ssib fid-dinja tax-xandir tal-lum.

Fl-istess ħin, ir-radju ma baqax biss stazzjon li ssegwih biss minn fuq is-sett tar-radju. Permezz ta’ investiment kontinwu, beda x-xandir awdjoviżiv b’mod kontinwu fuq l-internet. Din il-bidla teknoloġika kienet ta’ faraġ u ferħ kbir għall-emigranti Qalin kollha mxerrdin madwar id-dinja, li issa setgħu mhux biss jisimgħu, iżda wkoll jaraw b’mod viżwali l-festi, il-funzjonijiet, u l-ħajja ta’ raħalhom direttament minn djarhom fl-Awstralja, l-Amerika, jew l-Ewropa.

Wieħed mill-isbaħ u l-akbar merti ta’ Radju Leħen il-Qala huwa l-ispazju li dejjem ta liż-żgħażagħ. Matul dawn it-30 sena, għadd kbir ta’ tfal u żgħażagħ Qalin sabu f’dan l-istazzjon bieb miftuħ biex jesperjenzaw id-dinja tax-xandir. Hemmhekk tgħallmu jitkellmu, jippreżentaw, imexxu programmi, u jużaw l-apparat tekniku. Għal ħafna minnhom, din l-esperjenza kienet skola tal-ħajja li bniethom bħala persuni u nstabet utli ħafna fil-futur tagħhom.

“Li żżomm stazzjon jaħdem 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, għal 30 sena sħaħ, huwa kważi miraklu. Dan il-vjaġġ twil u bla waqfien ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna kontinwa ta’ żewġ kolonni ewlenin: il-voluntiera numerużi li ddedikaw ħinhom b’xejn biex iwasslu l-aqwa programmi, u l-benefatturi numerużi Qalin. Kienet il-ġenerożità tal-poplu tal-Qala, kemm f’Malta u kemm dawk barra minn Malta, li mliet il-magna tar-radju bil-fjuwil finanzjarju u l-inkuraġġiment meħtieġ biex jibqa’ għaddej”.

F’dan l-anniversarju speċjali, filwaqt li dan ir-radju jħares b’sodisfazzjon u kburija lejn il-passat, iħares ukoll b’fiduċja kbira lejn il-futur.

Radju Leħen il-Qala mhuwiex biss stazzjon tar-radju; huwa l-qalb tħabbat tal-komunità tal-Qala u l-pont li jgħaqqad lir-raħal flimkien bħala familja u komunità waħda, taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp u tal-Immakulata Kunċizzjoni.

F’dan it-30 anniversarju, l-Amministrazzjoni ta’ Radju Leħen il-Qala tirringrazzja lil dawk li waqqfu dan l-istazzjon komunitarju, kif ukoll lil dawk kollha li b’modi differenti sostnewh u taw is-sehem tagħhom matul is-snin, sabiex dan il-leħen kompla jidwi u jissaħħaħ għall-ġid tal-komunità.

Kitba tal-artiklu: Francesco Pio Attard | Newsbook.com.mt

Ritratti: Joseph Mercieca, arkivji RLQ

27 ta’ Lulju 2026