Nota #3: Festa San Ġużepp 2020
Jekk Alla jrid nhar l-Erbgħa li ġejja niċċelebraw l-aħħar Erbgħa ta’ San Ġużepp fejn huma nistiedna t-tfal kollha biex waqt li niċċelebraw jum it-tfal nagħlqu l-Erbgħat ta’ San Ġużepp u nagħtu bidu għall-festa b’differenza.
Aħna fid-dmir li nkomplu nsegwu d-direttivi mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa kif ukoll mill-istess Kurja kif talbuna fil-bidunett tal-pandemija. U dan ser nagħmluh:
• b’rispett lejn dawk in-nies li ħadmu fil-qasam tas-saħħa, tant li ftit fadal nies infettati bil-virus
• b’sens ta’ solidarjieta’ lejn dawk in-nies li tilfu x-xogħol
• għal dawk li għaddew u qed jgħaddu mit-tbatija minħabba din il-pandemija.
Inkunu sinċieri, is-sitwazzjoni preżenti ma toffrix ambjent ta’ festa. Jekk f’pajjiżna, għall-grazzja t’Alla, fadal ftit infettati ma nistgħux ngħidu l-istess għal madwar il-bqija tad-dinja. Fl-Amerika biss il-Ħadd li għadda sabu 66,000 każ ġdid f’jum wieħed filwaqt li madwar id-dinja bħal issa hawn 13,000,000 infettati.
Hi tassew irresponsabiltà u nuqqas ta’ rispett li nippretendu li nagħmlu festa bħas-soltu għax is-sitwazzjoni preżenti ma toffrihx arja ta’ festa. Barra minn dan, minħabba n-nuqqas ta’ attivitajiet ta’ fundraising u ġbir tas-soltu għall-festa, il-parroċċa mhiex f’pożizzjoni li tagħmel festa bħas-soltu.
Inħeġġixkom ħafna, li filwaqt li tajjeb li nkomplu nżommu mad-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, nattendu bi ħġarna għan-novena bi tħejjija għall-festa. Imxu mal-programm li ssibu mal-bullettin li jkun ħdejn il-bibien tal-knisja.
Stedina qawwija mill-qalb hi biex nattendu bi ħġarna għall-pellegrinaġġ li ser nagħmlu f’jum il-festa bl-istatwa ta’ San Ġużepp u x-xbieha tal-Madonna tas-Saħħa li tintemm b’ċelebrazzjoni Ġużeppina fil-pjazza.
Ejjew ilkoll kemm aħna nitolbu lil Marija u lil Ġużeppi biex jkomplu jeħilsu lil pajjiżna u lid-dinja minn din il-pandemija.
Maħruġa mill-Uffiċċju Parrokjali Qala, l-Erbgħa, 15 ta’ Lulju 2020.