L-Aħħar Tislima lil Dun Karm Xerri

Radju Leħen il-Qala jsellem lil Dun Karm Xerri, saċerdot mill-parroċċa tagħna tal-Qala u semmiegħ regolari ta’ RLQ, permezz ta’ skeda speċjali f’jum l-aħħar tislima.

Dun Karm – grazzi tal-ħidma tiegħek fostna, grazzi tas-servizz li tajt lil parroċċa tagħna, grazzi tal-kliem ta’ inkoraġġiment tiegħek lejn l-amministrazzjoni ta’ RLQ. Strieħ fis-sliem, berikna u itlob għalina minn ħdejn l-Immakulata u San Ġużepp.

Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu;
jistrieħ fis-sliem. Ammen.

Profil – Dun Karm Xerri

Dun Karm Xerri, bin Wenzu u Angela nee’ Scicluna, ħu Mons. Lawrenz Xerri, twieled il-Furjana f’Malta fit-2 ta’ Novembru 1934. Għadda l-ewwel snin tat-tfulija tiegħu f’Ħal Tarxien u f’Raħal il-Ġdid, f’Malta. Huwa daħal is-Seminarju ta’ Għawdex fl-1947 u ġie ordnat Saċerdot fit-18 ta’ Marzu 1961 kważi sittin sena ilu mill-Isqof Ġużeppi Pace. Huwa ċċelebra l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-5 ta’ Mejju 1961 u fil-bidu beda l-ħidma saċerdotali tiegħu bħala Vigarju Parrokkjali tal-Qala mill-1961 sal-1963. Minbarra l-ħidma pastorali tiegħu f’Kemmuna, hu ta s-servizz ta’ quddies fil-quddiesa tal-ewwel fil-5.00am fil-parroċċa, kif ukoll dik tas-6.30am ġewwa Għajnsielem, fis-Santwarju tal-Kunċizzjoni u fil-Kappella tal-Madonna tal-Blat. Fl-1980 huwa laħaq Assistent Ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika fil-Qala. Ħa ħsieb il-funerali tal-Parroċċa bħala Organizzatur tal-Funerali mill-1990 sal-2016.

Huwa laħaq Rettur jew aħjar ‘Kappillan’ ta’ Kemmuna, f’Jannar tal-1963 u dam sat-8 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri 54 sena bħala kappillan. Sa minn Marzu tal-2017 huwa irtira fid-dar fejn kien joqgħod il-Qala. Minn barra l-ħidma ta’ Kappillan, bejn l-1963 u l-1969 huwa kien ukoll Surmast tal-Iskola Primarja ta’ Kemmuna u għalhekk kien joqgħod hemm. Dak in-nhar il-popolazzjoni ta’ Kemmuna kienet tgħodd madwar il-mija. Wara beda jmur Kemmuna s-Sibt fil-għodu u jiġi lura l-Ħadd fil-għodu sabiex iqaddes għan-nies residenti tal-post, għall-istaff tal-lukandi u għat-turisti. Fil-bidu kien imur bid-dgħajsa tiegħu stess imbagħad beda imur bil-lanċa ta’ Kemmuna. Dejjem mar iqaddes anke meta kien maltemp qawwi. Huwa jqaddes fil-kappella ddedikata lir-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu.

Dun Karm huwa meqjus bħala ‘l-Anġlu ta’ Kemmuna’. Mhux faċli għal saċerdot li biex jaqdi l-missjoni ta’ Kappillan irid jaqbad dgħajsa u jaqsam il-fliegu ta’ bejn Għawdex u Kemmuna. Ta’ min jgħid ukoll li Dun Karm mhux biss kien jieħu ħsieb spiritwalment tal-komunita’ ta’ Kemmuna, fejn kien iqaddes żewġ quddisiet is-Sibt fil-għaxija u waħda l-Ħadd fil-għodu, il-qrar lir-residenti u lill-ħaddiema, jieħu ħsieb it-tiġijiet u ż-żjajjar li jsiru fil-Kappella imma kien jipprovvdi dak li hu neċessarju materjalment bħall-ikel, qadjiet u mediċina lill-komunita’ ta’ Kemmuna. Ta’ kull sena ukoll Dun Karm kien jieħu ħsieb jorganizza l-festa ta’ Kemmuna, ġimgha qabel il-festa tal-Qala. Diversi drabi l-Isqof Mikiel Gonzi, l-Isqof Gużeppi Pace, l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi u l-Isqof Mario Grech mexxew il-Pontifikal ta’ din il-festa, kif ukoll amministraw is-sagrament tal-Ewwel Tqarbina u tal-Konfirmazzjoni lil diversi tfal ta’ Kemmuna. Dun Karm kien jieħu ħsieb biex wara jkun hemm festin mill-aqwa u ħarqa tan-nar tal-ajru.

Li saċerdot jagħlaq kważi sittin sena mis-saċerdozju tiegħu hija grazzja kbira ħafna, li saċerdot jagħmel iktar minn ħamsin sena rettur jew kappillan ta’ komunita’ hija grazzja straordinarja. Għalhekk lil Dun Karm Xerri kien jixraqlu nagħmillu bħala pro-ziju tiegħi dan l-apprezzament bħala «Il-Missjunarju ta’ Kemmuna». Huwa miet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex nhar it-3 ta’ Jannar 2021 Festa tal-Epifanija u tal-Isem Imqaddes tal-Mulej. Il-funeral tiegħu sar fis-santwarju Arċipretali tal-Qala mmexxi mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma nhar it-Tlieta 5 ta’ Jannar 2021.

Agħtih o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem.

Kitba: Fr Charles Buttigieg