Stqarrija: Festa Ġużeppina 2020

Fid-dawl tal-Istqarrija tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex li hi annessa hawn taħt, il-pellegrinaġġ li kellu jsir nhar il-Festa – il-Ħadd, 2 t’Awwissu 2020 – bl-istatwa ta’ San Ġużepp u bix-xbieha devota tal-Madonna tas-Saħħa ġie kkanċellat.

In view of the statement issued by the Bishops of Malta and Gozo, the Festa pilgrimage that was to be held on Sunday, 2nd August, 2020 with the statue of St. Joseph and the devout image of Our Lady of Health has been cancelled.

Nota #3: Festa San Ġużepp 2020

Jekk Alla jrid nhar l-Erbgħa li ġejja niċċelebraw l-aħħar Erbgħa ta’ San Ġużepp fejn huma nistiedna t-tfal kollha biex waqt li niċċelebraw jum it-tfal nagħlqu l-Erbgħat ta’ San Ġużepp u nagħtu bidu għall-festa b’differenza. 

Aħna fid-dmir li nkomplu nsegwu d-direttivi mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa kif ukoll mill-istess Kurja kif talbuna fil-bidunett tal-pandemija. U dan ser nagħmluh:

•    b’rispett lejn dawk in-nies li ħadmu fil-qasam tas-saħħa, tant li ftit fadal nies infettati bil-virus

•    b’sens ta’ solidarjieta’ lejn dawk in-nies li tilfu x-xogħol 

•    għal dawk li għaddew u qed jgħaddu mit-tbatija minħabba din il-pandemija. 

Inkunu sinċieri, is-sitwazzjoni preżenti ma toffrix ambjent ta’ festa. Jekk f’pajjiżna, għall-grazzja t’Alla, fadal ftit infettati ma nistgħux ngħidu l-istess għal madwar il-bqija tad-dinja. Fl-Amerika biss il-Ħadd li għadda sabu 66,000 każ ġdid f’jum wieħed filwaqt li madwar id-dinja bħal issa hawn 13,000,000 infettati. 

Hi tassew irresponsabiltà u nuqqas ta’ rispett li nippretendu li nagħmlu festa bħas-soltu għax is-sitwazzjoni preżenti ma toffrihx arja ta’ festa. Barra minn dan, minħabba n-nuqqas ta’ attivitajiet ta’ fundraising u ġbir tas-soltu għall-festa, il-parroċċa mhiex f’pożizzjoni li tagħmel festa bħas-soltu. 

Inħeġġixkom ħafna, li filwaqt li tajjeb li nkomplu nżommu mad-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, nattendu bi ħġarna għan-novena bi tħejjija għall-festa. Imxu mal-programm li ssibu mal-bullettin li jkun ħdejn il-bibien tal-knisja.

Stedina qawwija mill-qalb hi biex nattendu bi ħġarna għall-pellegrinaġġ li ser nagħmlu f’jum il-festa bl-istatwa ta’ San Ġużepp u x-xbieha tal-Madonna tas-Saħħa li tintemm b’ċelebrazzjoni Ġużeppina fil-pjazza.

Ejjew ilkoll kemm aħna nitolbu lil Marija u lil Ġużeppi biex jkomplu jeħilsu lil pajjiżna u lid-dinja minn din il-pandemija.


Maħruġa mill-Uffiċċju Parrokjali Qala, l-Erbgħa, 15 ta’ Lulju 2020.

Nota #2: Festa San Ġużepp 2020

Fi ftit jiem oħra nagħtu bidu għall-festa li ta’ kull sena niċċelebraw lill-Patrun tagħna San Ġużepp. Din is-sena ser tkun waħda differenti mis-soltu. Kellna f’moħħna li nagħmlu festa akbar mis-soltu peress li din is-sena qed niċċelebraw il-150 sena minn meta l-Papa Piju IX ipproklamah bħala l-protettur tal-Knisja. Iżda kif jgħidu, il-bniedem jipproponi iżda Alla Hu li jiddisponi.

Il-programm tal-festa ta’ din is-sena hu wieħed magħmul minn Alla u ħadd ma jħobbna u jridilna daqshekk ġid daqs Alla, anki jekk il-ħaġa ma tiftihemx, xorta waħda jħobbna. Il-festa ta’ din is-sena ser ikollha aktar bixra spiritwali u ser tkun mibnija fuq tlett ħwejjeġ:

•    Is-smigħ tal-Kelma t’Alla – Għalhekk xieraq li nattendu għall-jiem tan-novena u tat-tridu. U nieħdu sehem fil-quddiesa mhux tant permezz tar-radju jew il-live streaming iżda billi nattendu fil-knisja bħala komunità devota li tħobb tassew lil San Ġużepp.

•    Inkunu ġenerużi fiż-żewġ atti ta’ karità li ser nwettqu fil-jiem tal-festa – Kemm tal-oġġetti ta’ ikel u preserves li ser ngħaddu lil dawk il-familji fil-bżonn u kif ukoll permezz tal-offerti tagħna biex insostnu l-missjoni tal-Isqof Cefai fil-Peru.

•    Billi nattendu u nieħdu sehem fil-pellegrinaġġ li ser nagħmlu nhar il-festa bl-istatwa tal-Patrun tagħna San Ġużepp u bix-xbieha tal-Madonna tas-Saħħa. Dan il-pellegrinaġġ ser isib il-qofol tiegħu fil-pjazza fejn ser issir ċelebrazzjoni li fiha ser nagħmlu talba ħerqana lil San Ġużepp u lill-Madonna tas-Saħħa biex teħlisna minn din il-pandemija. Din iċ-ċelebrazzjoni tintemm bil-Barka Sagramentali fuq iz-zuntier.  


Maħruġa mill-Uffiċċju Parrokjali Qala, l-Ħamis, 9 ta’ Lulju 2020.

Nota dwar il-Logħob tan-Nar għall-Festa 2020

Fid-dawl tal-permess limitat li jista’ jsir logħob tan-nar, skont kif imħabbar mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali fis-6 ta’ Mejju 2020. Kif ukoll fid-dawl tad-direttiva mogħtija mill-kulleġġ tal-kappillani fil-24 ta’ Ġunju 2020 fejn intqal espressament li l-parroċċi m’għandhomx jixtru jew jorganizzaw kwalunkwe xogħol tan-nar kif ukoll li m’għandhomx jagħtu ebda kontribut finanzjarju jew prattiku, dirett jew indirett, f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri jew ħruq tan-nar:

Il-parroċċa tagħmilha ċara li peress li hemm permess limitat għal-logħob tan-nar, ħalliet f’idejn il-Kumitat tan-Nar biex jara x’possibiltà hemm li jagħmel xi logħob tan-nar. Għalhekk jekk hemm xi ħadd li jixtieq jikkontribwixxi għal-logħob tan-nar, javviċina malajr kemm jista jkun lil xi membru ta’ dan il-kumitat.


Maħruġa mill-Uffiċċju Parrokjali Qala, l-Erbgħa, 1 ta’ Lulju 2020.

Għan-nota rigward il-Festa 2020, agħfas hawn.

Nota dwar il-Festa tal-Patrun tagħna San Ġużepp għal din is-sena 2020

Kulħadd hu konxju tat-taqliba li ġabet magħha din l-pandemija f’kull aspett tal-ħajja, mhux biss dak ekonomiku u soċjali, iżda wkoll fil-ħajja nisranija. Għalhekk iridu namettu li f’dawn iċ-ċirkustanzi u f’din is-sitwazzjoni preżenti mhux qed ngħixu fi żmien normali. Hu fatt li din is-sitwazzjoni ma tgħinx biex ikun hawn ambjent ta’ festa bħas-soltu, allura iridu nadattaw ruħna biex nagħmlu festa f’din is-sitwazzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu rridu nġibu preżenti f’moħħna dawn ħwejjeġ:

1.  Il-festa ta’ din is-sena, aktar minn ta’ snin ta’ qabel, hi ċelebrazzjoni  ta’ ringrazzjament lil Alla. Hi ħaġa xierqa li filwaqt li niftakru fl-eżempji sbieħ tal-Patrun tagħna San Ġuzepp, nirringrazzjawh għall-interċessjoni tiegħu f’dan iż-żmien tal-pandemija u nitolbuh biex jieħu ħsiebna għal li ġej. Għalhekk aktar milli purċissjoni hu pellegrinaġġ ta’ talb.

2.  Fil-festa ta’ din is-sena rridu nġibu quddiem għajnejna l-aktar nies vulnerabbli li jinsabu madwarna. Vulnerabbli mhux biss il-morda u l-anzjani iżda dawk il-familji li jinsabu f’qagħda finanzjarja diffiċli minħabba diversi raġunijiet. B’dan il-ħsieb f’moħħna il-festa ta’ din is-sena trid tkun wirja mhux tan-nar, ta’ armar u ta’ marċijiet iżda ta’ għajnuna u solidarjetà lejn dawk ħutna li jinsabu fil-bżonn. Din is-solidarjetà ser nuruha permezz ta’ żewġ inizjattivi:

•    Fil-ġimgħa tal-festa ser niġbru preserves u affarijiet tal-ikel biex ngħadduhom lill-familji fil-bżonn li m’humiex ftit.

•   Peress li fir-Randan konna waqafna milli niġbru l-Qalb tal-Karità, tul il-jiem tal-festa ser inkomplu niġbru għall-missjoni tal-Isqof Mons. Giovann Cefai fil-Peru.

3.  Għalhekk, kemm minħabba l-pandemija li għadha fostna kif ukoll b’solidarjetà u rispett lejn dawn il-persuni vulnerabbli, il-kulleġġ tal-kappillani ta’ Malta u Għawdex iddeċidew li l-festa ta’ din is-sena tkun ridotta.

4.  Tafu intom li biex nagħmlu festa l-ispejjeż huma kbar. Id-deċiżjoni tal-kappillani quddiem is-sitwazzjoni tal-pandemija kienet li ma jsirx ġbir bieb bieb bħas-soltu iżda ser ikun hemm kaxxa fil-knisja biex min irid jagħmel l-offerta tiegħu. L-offerta jista’ wieħed jgħaddiha lil xi saċerdot. Dan sar ukoll b’sens ta’ solidarjetà ma’ dawk il-persuni vulnerabbli.


Maħruġa mill-Uffiċċju Parrokjali Qala, l-Erbgħa, 1 ta’ Lulju 2020.

Għan-nota rigward il-Logħob tan-Nar tal-Festa 2020, agħfas hawn.

Programme to mark the appointment of a new Archpriest

merhba dun nazju poster

Saturday 15th November 2014

Invitation to the whole village to join the new parish priest, Fr. Injazju Borg, help celebrate the official start of his pastoral work here in Qala.

There will be a band march starting at the Primary School at 16.45, followed by mass in the Square at 17.45 (in case of bad weather, mass will be held in the church at 17.30).

Afterwards, everyone in the village is invited to a reception to be held in the Square (again, in case of bad weather, this will be held in the school hall).

Storja ta’ 14 il-Kappillan fil-Qala

Fl-okkażjoni tal-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Dun Injazju Borg bħala Arċipriet tal-parroċċa tal-Qala, qed nwasslulkom artiklu storiku dwar il-kappillani kollha li kellha l-parroċċa tagħna sa mit-twaqqif tagħha.

Qala_Church

Dun Salv Grima minn Għajnsielem kien l-ewwel kappillan fl-1872 u li miet fil-parroċċa bħala kappillan f’eta’ ta’ 40 sena fil-5 ta’ Novembru fl-1880. Dun Ġużepp Diacono mir-Rabat kien it-tieni kappillan fl-1881 u dam għaxar snin sas-27 t’Awwissu tal-1891. Dun Ġwann Saliba mill-Katidral kien it-tielet kappillan mit-8 ta’ Novembru 1891 u miet bħala kappillan fil-parroċċa fit-22 ta’ Jannar 1896. Dun Mikiel Anġ Cauchi mir-Rabat kien ir-raba kappillan fejn ħa l-pussess fit-22 ta’ Ġunju fl-1919 u dam sas-6 ta’ Novembru tal-1920. Dun Ġużepp Cassar mir-Rabat li kien il-ħames kappillan. Huwa ħa l-pussess fit-12 ta’ Diċembru fl-1920 u dam sal-14 ta’ Mejju tal-1926. Dun Ġużepp Cassar minn ta’ Sannat li kien is-sitt kappillan. Ħa l-pussess fis-27 ta’ Ġunju tal-1926 u dam kappillan seba’ xhur biss, sat-8 ta’ Frar 1927. Dun Ġużepp Vella  is-seba kappillan (u l-ewwel kappillan mill-Qala), ħa l-pussess fl-24 t’April tal-1927 u miet bħala kappillan fl-1955. Dun Manwel Xerri mill-Qala kien it-tmien kappillan. Ħa l-pussess fis-16 ta’ Ottubru tal-1955 u miet bħala kappillan fit-12 ta’ Diċembru 1964.  Il-Kan. Dun Karm Vella mill-Għarb kien d-disa kappillan u sar l-ewwel wieħed bit-titlu ta’ Arċipriet meta l-Parroċċa saret Arċipretali fil-21 t’April 1965. Huwa ħa l-pussess fis-7 ta’ Marzu 1965 u miet bħala Arcipriet fil-11 ta’ Marzu tal-1969. Dun Ġużepp Borg Attard mill-Fontana kien it-Tieni Arċipriet u l-għaxar kappillan. Huwa ħa l-pussess fit-8 ta’ Ġunju tal-1969 u dam sal-1983.

Mons. Anton Sultana mill-Qala sar it-tielet Arċipriet u l-ħdax il-kappillan fit-22 ta’ Mejju tal-1983 u dam sad-29 ta’ Settembru 1991. Mons. Karm Refalo mix-Xagħra, ir-raba Arċipriet u t-tnax il-kappillan, ħa l-pussess fis-17 ta’ Novembru tal-1991 u dam Arċipriet tal-Parroċċa sat-18 ta’ Jannar tal-2005. Il-Kan. Joe Zammit mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, huwa l-ħames Arċipriet tal-Qala u t-tlettax il-kappillan. Huwa ħa l-pussess tal-Parroċċa fl-1 ta’ Mejju tal-2005 u dam sal-20 ta’ Frar tal-2014.  Dun Nazju Borg mix-Xagħra  qed jieħu l-pussess ta’ din il-parroċċa tagħna ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni u lir-Raġel Kastissimu tagħha San Ġużepp nhar il-15 ta’ Novembru tal-2014. Huwa s-sitt Arċipriet u l-14 il-kappillan li rat l-istorja tal-Parroċċa tagħna.

Il-Qala ssir Parroċċa 325 sena ilu

325 sena parrocca

– kitba u riċerka ta’ Gabriel Vella

(Erba’ dokumenti tal-Isqof Davide Cocco Palmieri lijuru biċ-ċar fejn sar it-twaqqif tal-Parroċċa biex isservi għall-Lvant ta’ Għawdexkollu fit-28 ta’ April 1688)

 Issa li ninsabu biss ftit ġimgħat ‘l bogħod milli niċċelebraw l-anniversarju tat-325 sena mit-twaqqif tal-Parroċċata’ Santa Marija tal-Qala, ħassejt il-ħtieġa li nikteb kelmtejn dwar dak kolluli ġara tliet mija u ħamsa u għoxrin sena ilu permezz ta’ erba’ dokumenti.

 

L-Ewwel Dokument

L-ewwel wieħed mid-dokumenti tal-Isqof Cocco Palmieri li kollha kemm huma jitkellmudwar it-twaqqif tal-erba’ parroċċi ġodda: Żebbuġ, Sannat, Xagħra u Qala huwadak tal-4 ta’ Mejju 1687 jiġifieri madwar sena qabel ma twaqqfu l-erba’parroċċi li għadni kif semmejt.

Dan id-dokument inkiteb eżattament wara l-ewwel Viżita Pastorali tal-Isqof f’Għawdex. Jidher li dak inhar għall-Isqof Palmieri, is-soluzzjoni għas-sitwazzjoni reliġjuża fil-gżira Għawdxija kienet li jitwaqqfu erba’ parroċċi ġodda: fiż-Żebbuġ, fix-Xagħra, f’Sannat u oħra fil-Qala. Billi dawn l-inħawikienu mbiegħda mir-Rabat, il-bżonn li jitwaqqfu dawn il-parroċċi kien ħafnaikbar. F’dokument mill-aktar qadim li illum jinsab ippublikat(ara: “Il-Matriċi Kolleġġjata tal-Assunta u l-Ewwel Parroċċi t’Għawdex”, 1975, pp. 118-120), il-parroċċi kellhom bżonnisiru f’Santa Margerita ta’ Sannat, f’Sant’ Anton Abbati tax-Xagħra, f’SantaMarija tal-Qala u f’ Santa Marija tal-Mirakli fiż-Żebbuġ. F’dan id-dokumentl-Isqof semma xi djar li kienu mxerrdin mal-kampanja kollha ta’Għawdex u qalhekk: “…uħud minn dawn id-djar huma erba’ mili jew aktar bogħod mir-Rabat ”.Din il-kwotazzjoni tirreferi biċ-ċar għad-djar tal-Qala minħabba li ebda raħalGħawdxi mhu imbiegħed mir-Rabat iktar minn erba’ mili ħlief ir-raħal tal-Qala.Skont il-kitba tal-4 ta’ Mejju 1687 nafu li n-nies tal-erba’ rħula msemmija maqatgħux milli jitolbu bla waqfien biex ikollhom l-istat ta’parroċċa.Fid-dokument tal-Isqof naraw li bħala rimedju għas-sitwazzjoni, Mons. CoccoPalmieri għażel lil Dun Ewġenju Azzopardi biex jagħmilha ta’ viċi parrokufl-irħula taż-Żebbuġ, tax-Xagħra, ta’ Sannat u tal-Qala.

 

It-Tieni Dokument

Kif kien wiegħed sena qabel fl-4 ta’Mejju 1687 l-Isqof Cocco Palmieri waqqaf erba’ Parroċċi ġodda waħda fil-Qala,f’ Sannat, fix-Xagħra u fiż-Żebbuġ bid-digriet tat-28 ta’ April 1688. Din hijaparti mit-tweġiba li qiegħda fid-dokument tal-4 ta’ Mejju 1687 tiegħugħat-talba li għamlu in-nies ta’ dawn l-irħula f’Jannar tal-istess sena:“…essendori quattro altre contrade cioe’ della Cala, del Sannat, di Sant’Antonio e del Zebbug che hoggi se trovano nell’ istesso bisognio…”.

U Allura issa ngħaddu għat-tienidokument tal-Isqof Cocco Palmieri, id-digriet tat-28 ta’ April 1688 li fihinsibu l-proklamazzjoni tat-twaqqif tal-erba’ Parroċċi; Santa Margerita ta’Sannat, Sant’ Anton tax-Xagħra, Santa Marija tal-Qala u Santa Marijatal-Mirakli taż-Żebbug. Din il-proklamazzjoni insibuha għal madwar tnax-ildarba fid-digriet. Il-kuntratt ta’ dan id-digriet sar quddiem in-Nutar GiovanniBattista Dorbese nhar it-28 ta’ April 1688. Bħala ragħaj spiritwali jewKappillan għall-kontrada tal-Qala gie magħżul Dun Bernard Haber u fl-istess ħinġie ordnat biex ‘il quddiem jibni knisja parrokkjali fil-post hekk imsejjaħ Ta’Nadur ħdejn id-djar li kien hemm. Jidher biċ-ċar kif jgħid l-istess Isqof limix-xatt tar-Ramla għall-Wied ta’ Xħajma lejn Ta’ Ħamet sal-limiti tax-Xewkija,fejn iduru ma’ Triq l-Imġarr u jinżlu magħha sal-Imġarr kien jissejjaħ bħalaQala. Iżid jgħid l-Isqof bit-Taljan: “Comprendendosi in questo ristretto lasuddetta contrada TAL CALA con sue pertinenze, cioe’ Nadur, Comino e Ramla”.Dan kollu juri bic-car li f’din il-kontrada ma kienet teżisti l-ebda knisjaohra ħlief dik li kienet iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni għalkemm kienettiġi mgħarrfa bħala Santa Marija tal-Qala minħabba li sas-sena 1615 dinil-knisja kienet iddedikata lil Santa Marija. Min dan id-digriet tat-28 ta’April tas-sena 1688 jidher biċ-ċar li l-Parroċċa għall-Lvant ta’ Għawdex saretfil-QALA flimkien ma dawk tax-Xagħra, Ta’ Sannat u dik taż-Żebbuġ.

 

It-Tielet Dokument

Niġi issa għat-Tielet dokument lijkompli jikkonferma dak li għidt iktar ‘il fuq dwar it-twaqqif tal-erba’parroċċi ġodda fit-28 ta’ April 1688. Din hija l-ittra tal-Isqof Cocco Palmierilill-awtoritajiet tal-Knisja f’Ruma fit-18 ta’ Settembru 1688. Dan id-dokumentġie rrivelat u ppublikat minn Patri Alexander Bonnici fis-sena 1975 fil-ktiebtiegħu “Il-Matriċi Kolleġġjata ta’ l-Assunta u l-Ewwel Parroċċi ta’ Għawdex”.Dan wieħed jista’ jsibu fil-paġni 118 u 119 taħt it-titlu ta’: SANNAT, IX-XAGĦRA,IL-QALA, U Ż-ŻEBBUĠ JINQATGĦU PARROĊĊI GĦAL RASHOM: WAQT LI SAN ĠORĠ TIBQA’PARROĊĊA IMMA MMEXXIJA MILL-ARĊIPRIET TAL-MATRIĊI TAL-ASSUNTA. F’ din l-ittral-Isqof Palmieri jgħid li kellhom jiġu mwaqqfa dawn l-erba’ parroċċi minħabbali l-Arċipriet ma setax ilaħħaq ma dawn ir-reġjuni kollha speċjalment ma’ dawkil-persuni li jkunu waslu fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom. Filwaqt li jitlobapprovazzjoni għat-talba tiegħu li jiġu kkonfermati dawn l-erba’ parroċċi ġoddamill-Vatikan, l-istess Isqof jsemmi dawn l-erba’ parroċċi b’isimhom. Għalhekk il-Vatikansar jaf b’dawn l-erba’ rħula jew reġjuni biss li huma: Ta’ Sannat, ix-Xagħra,il-Qala, u ż-Żebbuġ. L-approvazzjoni tat-twaqqif ta’ dawn l-erba’ parroċċiġodda ġiet approvata minn Ruma bid-digriet tal-5 ta’ Marzu 1689. Ir-rispostamill-Vatikan kienet din: “Concilii Tridentini Interpetum respondit:Affirmative”. Minn dan id-dokument jidher biċ-ċar li l-Isqof Cocco Palmierimill-ġdid jerġa’ jtenni li l-erba’ parroċċi ġodda mwaqqfa fit-28 ta’ April 1688minnu stess kienu Ta’ Sannat, ix-Xaghra, il-Qala u ż-Żebbuġ.

 

Ir-Raba’ Dokument

Jekk it-tliet dokumenti li għadna kifrajna: tal-4 ta’ Mejju 1687, tat-28 ta’ April 1688 u tat-18 ta’ Settembru 1688m’humiex bizzejjed biex jikkonfermaw li l-Qala kienet waħda mill-erba’ parroċċiimwaqqfa fit-28 ta’ April 1688, għandna document ieħor. Din hija l-vistapastorali li għamel f’Għawdex l-Isqof Davide Cocco Palmieri fl-1698, għaxarsnin wara t-twaqqif tal-erba’ parroċċi: Ta’ Sannat, tax-Xagħra, tal-Qala utaż-Żebbuġ. F’din il-vista l-Isqof jgħid li żar fost żjarat ohrajn il-parroċċili hu stess kien waqqaf għaxar snin qabel u li kienu ġew approvati mill-Vatikanbid-digriet tal-5 ta’ Marzu 1689. Jgħid li fil-Parroċċa tal-Qala kien hemm bħalaKappillan Dun Bernard Haber.

 

F’dawn l-erba’ dokumenti jidher biċ-ċarli l-Qala twaqqfet Parroċċa bid-digriet tat-28 ta’ April 1688 flimkien ma dawkta’ Sannat, tax-Xagħra u taż-Żebbuġ. Minn dawn id-dokumenti joħroġ biċ-ċarukoll li l-Parroċċa ta’ Santa Marija tal-Qala li kienet fil-kontrada li kienjisimha Qala kienet isservi għall-Lvant ta’ Għawdex kollu.

Tislima lil Dun Lawrenz Theuma

Il-komunita’ parrokjali tal-Qala tagħti l-aħħar tislima lil Dun Lawrenz Thuema, saċerdot wild ir-raħal tagħna b’funeral li sar it-Tnejn 10 ta’ Diċembru 2012 fil-Knisja Arċipretali tal-Qala b’konċelebrazzjoni mmexxija mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech, Isqof t’Għawdex.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen